{"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_327", "title": "Il-Kummissjoni tappella biex is-sostenibbilt\u00e0 ambjentali tkun fil-qalba tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121 tal-UE", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=CLIMACTION,ECMY,ENVIRO,PR-PROT", "date": "Thu, 13 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["Illum il-Kummissjoni ppubblikat proposta g\u0127al Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment g\u0127as-sostenibbilt\u00e0 ambjentali.", "L-g\u0127an tal-proposta huwa li tappo\u0121\u0121a lill-Istati Membri, lill-iskejjel, lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-fornituri tal-edukazzjoni kollha biex jag\u0127tu lill-istudenti fehim u \u0127iliet dwar is-sostenibbilt\u00e0, it-tibdil fil-klima u l-ambjent.", "Qafas ta' kompetenza Ewropew dwar is-sostenibbilt\u00e0 \u0121did ippubblikat mi\u010b-\u010aentru Kon\u0121unt tar-Ri\u010berka, disponibbli wkoll illum, jiddeskrivi l-kompetenzi me\u0127tie\u0121a g\u0127at-tran\u017cizzjoni ekolo\u0121ika, inklu\u017c il-\u0127sieb kritiku, it-te\u0127id ta' inizjattivi, ir-rispett g\u0127an-natura u l-fehim tal-impatt li l-azzjonijiet u d-de\u010bi\u017cjonijiet ta' kuljum g\u0127andhom fuq l-ambjent u l-klima globali.", "Fi kliem il-Vi\u010bi President g\u0127all-Promozzjoni tal-Istil ta' \u0126ajja Ewropew Tag\u0127na, Margaritis Schinas: \"Il-parte\u010bipazzjoni ta\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127 qieg\u0127da tibdel mill-qieg\u0127 il-mod kif in\u0127arsu lejn il-klima u l-ambjent.", "Permezz tal-programmi tag\u0127na g\u0127a\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127, il-Korp Ewropew ta' Solidarjet\u00e0 u DiscoverEU, nippromwovu l-isforzi favur is-sostenibbilt\u00e0 li jinvolvu li\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127 tag\u0127na.", "Dan huwa pass 'il quddiem fil-\u0127idma lejn integrazzjoni a\u0127jar tas-sostenibbilt\u00e0 fl-edukazzjoni.\u201d", "Il-Kummissarju g\u0127all-Innovazzjoni, ir-Ri\u010berka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u \u017c-\u017bg\u0127a\u017cag\u0127, Mariya Gabriel, qalet: \u201cQed issir \u0127idma tremenda fl-Ewropa kollha biex tg\u0127in lit-tfal, li\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127, u lill-adulti jitg\u0127allmu dwar it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversit\u00e0 u s-sostenibbilt\u00e0 u biex jinvolvu ru\u0127hom fihom.", "L-g\u0127an tag\u0127na huwa li nibnu fuq dawn l-isforzi u na\u0127dmu mill-qrib mal-Istati Membri biex inpo\u0121\u0121u s-sostenibbilt\u00e0 fil-qalba tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121.", "L-istudenti kollha, minn et\u00e0 bikrija je\u0127tie\u0121u opportunitajiet biex jifhmu u jie\u0127du azzjoni favur is-sostenibbilt\u00e0 ambjentali, biex jipprote\u0121u l-pjaneta tag\u0127na u l-futur tag\u0127na.\u201d", "Il-proposta tal-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:", "Fi st\u0127arri\u0121 tal-Ewrobarometru g\u0127al mistoqsija dwar x'g\u0127andhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin g\u0127all-UE fis-snin li \u0121ejjin, l-ewwel twe\u0121iba ta\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127 kienet il-\u0127arsien tal-ambjent u l-\u0121lida kontra t-tibdil fil-klima (67 %), segwit minn titjib fl-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121 (56 %).", "Dan huwa xhieda ta' kemm huwa importanti li na\u0121ixxu.", "Il-programm Erasmus+ 2021\u20132027 jiffoka b'mod qawwi fuq it-tran\u017cizzjoni ekolo\u0121ika fl-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121.", "G\u0127all-programm ta' \u0127idma annwali tal-2022, se ting\u0127ata prijorit\u00e0 lill-pro\u0121etti mill-fornituri tal-edukazzjoni li ji\u017cviluppaw kompetenzi u \u0127iliet ekolo\u0121i\u010bi, kurrikuli orjentati lejn il-futur, u appro\u010b\u010bi ppjanati g\u0127as-sostenibbilt\u00e0.", "Sej\u0127a spe\u010bifika g\u0127al pro\u0121etti fuq skala kbira se tipprovdi finanzjament g\u0127all-identifikazzjoni, l-i\u017cvilupp u l-ittestjar ta' appro\u010b\u010bi innovattivi g\u0127all-edukazzjoni u g\u0127as-sostenibbilt\u00e0 ambjentali.", "Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll opportunitajiet ta' ta\u0127ri\u0121 u komunitajiet ta' prattika g\u0127all-edukaturi permezz ta' School Education Gateway u eTwinning.", "Il-Portal ta\u017c-\u017bona Ewropea tal-Edukazzjoni l-\u0121did tal-Kummissjoni jippermetti a\u010b\u010bess fa\u010bli g\u0127all-informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121 fl-UE, inklu\u017ca informazzjoni spe\u010bifika dwar l-edukazzjoni ekolo\u0121ika.", "Il-proposta tal-Kummissjoni se ti\u0121i diskussa mill-Istati Membri, u mbag\u0127ad ti\u0121i adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE.", "Il-Kummissjoni se tappo\u0121\u0121a l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni permezz tat-tag\u0127lim u l-iskambji bejn l-Istati Membri, il-partijiet ikkon\u010bernati, u l-pajji\u017ci s\u0127ab.", "Biex t\u0127ejji l-proposta, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni estensiva dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-opportunitajiet tat-tag\u0127lim g\u0127as-sostenibbilt\u00e0 ambjentali fl-UE.", "Waslu aktar minn 1,300 twe\u0121iba kif ukoll 95 dokument ta' po\u017cizzjoni fi st\u0127arri\u0121 pubbliku, li sar minn \u0120unju sa Settembru 2021.", "In\u0121abru wkoll kontributi matul sensiela ta' sessjonijiet ta' \u0127idma ta' konsultazzjoni online ma' dawk li jfasslu l-politika, mal-g\u0127alliema, mal-organizzazzjonijiet ta\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127, mas-s\u0127ab so\u010bjali, mar-ri\u010berkaturi, u ma' korpi u organizzazzjonijiet interessati o\u0127ra.", "Il-konsultazzjonijiet enfasizzaw ir-rwol kru\u010bjali tal-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121 biex jg\u0127inu lin-nies jifhmu u jie\u0127du azzjoni dwar is-sostenibbilt\u00e0 ambjentali.", "Fl-ist\u0127arri\u0121 pubbliku, 71 % ta' dawk li wie\u0121bu kklassifikaw l-edukazzjoni u t-ta\u0127ri\u0121 b\u0127ala l-aktar settur importanti f'dan ir-rigward, qabel il-korpi pubbli\u010bi u l-gvernijiet (56 %), u l-miedia (34 %).", "L-g\u0127oti ta' opportunitajiet ta' \u017cvilupp professjonali ta' kwalit\u00e0 dwar l-ambjent u s-sostenibbilt\u00e0 lill-g\u0127alliema, lil min i\u0127arre\u0121, lill-mexxejja ta\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127, u lill-persunal akkademiku tqies b\u0127ala prijorit\u00e0 ewlenija g\u0127all-azzjoni, flimkien mat-tqeg\u0127id tas-sostenibbilt\u00e0 b\u0127ala kwistjoni trasversali fil-kurrikuli u fil-programmi ta' studju.", "Proposta g\u0127al rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment g\u0127as-sostenibbilt\u00e0 ambjentali", "Qafas ta' kompetenza Ewropew dwar is-sostenibbilt\u00e0", "I\u017c-\u017bona Ewropea tal-Edukazzjoni", "GreenComp - Il-qafas Ewropew ta' kompetenza g\u0127as-sostenibbilt\u00e0 dwar i\u010b-\u010aentru tax-Xjenza", "Rokna tat-Tag\u0127lim", "School Education Gateway", "eTwinning"]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_410", "title": "L-UE to\u0121\u0121ezzjona g\u0127ar-restrizzjonijiet Russi fuq l-esportazzjoni tal-injam fid-WTO", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=TRADEPOL", "date": "Wed, 19 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["Illum l-UE qed titlob konsultazzjonijiet mar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummer\u010b (WTO) dwar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti tal-injam li g\u0127amlet ir-Russja.", "Ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jikkonsistu f'\u017cieda sinifikanti fid-dazji tal-esportazzjoni fuq \u010berti prodotti tal-injam u tnaqqis drastiku fl-g\u0127add ta' punti ta' qsim tal-fruntieri li minnhom jistg\u0127u jsiru esportazzjonijiet ta' prodotti tal-injam.", "Ir-restrizzjonijiet Russi huma ta' detriment kbir g\u0127all-industrija tal-ippro\u010bessar tal-injam tal-UE, li tiddependi fuq l-esportazzjonijiet mir-Russja, u jo\u0127olqu in\u010bertezza sinifikanti fis-suq dinji tal-injam.", "L-UE impenjat ru\u0127ha ripetutament mar-Russja minn meta Moska \u0127abbret dawn il-mi\u017curi f'Ottubru 2020, i\u017cda ming\u0127ajr su\u010b\u010bess.", "Dawn il-mu\u017curi da\u0127lu fis-se\u0127\u0127 f'Jannar 2022.", "B'mod spe\u010bifiku, l-UE qed to\u0121\u0121ezzjona g\u0127al:", "Fid-WTO, ir-Russja impenjat ru\u0127ha li tapplika dazji fuq l-esportazzjoni b'rati massimi ta' 13 % jew 15 % g\u0127al \u010berti kwantitajiet ta' esportazzjonijiet.", "Wara li rtirat dawn il-kwoti tariffarji, ir-Russja issa qed tapplika dazji tal-esportazzjoni b'rata ferm og\u0127la ta' 80 %, u b'hekk mhijiex tirrispetta l-impenji tag\u0127ha skont il-li\u0121i tad-WTO.", "Ir-Russja naqqset il-punti ta' qsim tal-fruntiera minn fejn jistg\u0127u jsiru l-esportazzjonijiet tal-injam lejn l-UE minn aktar minn 30 punt g\u0127al punt wie\u0127ed biss (Luttya, fil-Finlandja).", "Meta tipprojbixxi l-u\u017cu ta' punti ta' qsim tal-fruntiera e\u017cistenti li huma teknikament kapa\u010bi jimmani\u0121\u0121aw tali esportazzjonijiet, ir-Russja tkun qed tikser prin\u010bipju tad-WTO li jipprojbixxi tali restrizzjonijiet.", "Il-passi li jmiss", "Il-konsultazzjonijiet g\u0127as-soluzzjoni tat-tilwim li l-UE talbet huma l-ewwel pass fil-pro\u010bedimenti g\u0127as-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.", "Jekk dawn ma jwasslux g\u0127al soluzzjoni sodisfa\u010benti, l-UE tista' titlob li d-WTO tistabbilixxi bord biex jidde\u010biedi dwar il-kwistjoni.", "G\u0127al aktar informazzjoni", "WTO Dispute Settlement in a Nutshell"]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_402", "title": "L-antitrust: Il-Kummissjoni tippubblika r-rapport finali tal-inkjesta settorjali dwar l-Internet tal-O\u0121\u0121etti tal-konsumaturi", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=COMPETY,ANTITRUST", "date": "Wed, 19 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["Il-Kummissjoni Ewropea llum ppubblikat ir-ri\u017cultati preliminari tal-inkjesta tag\u0127ha fis-settur tal-kompetizzjoni fis-swieq g\u0127all-prodotti u s-servizzi relatati mal-Internet tal-O\u0121\u0121etti (IoT, Internet of Things).", "Ir-rapport finali u d-dokument ta' \u0127idma tal-persunal li jakkumpanjah jidentifikaw t\u0127assib potenzjali dwar il-kompetizzjoni fis-swieq li qed jikbru b'rata mg\u0127a\u0121\u0121la g\u0127all-prodotti u s-servizzi relatati mal-IoT fl-Unjoni Ewropea.", "Il-Vi\u010bi President E\u017cekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: \u201cIs-settur tal-Internet tal-O\u0121\u0121etti tal-konsumaturi qed isir dejjem aktar parti mill-\u0127ajja tag\u0127na ta' kuljum.", "Is-sejbiet finali tal-inkjesta settorjali tag\u0127na jikkonfermaw li hemm t\u0127assib potenzjali dwar il-kompetizzjoni f'dan is-settur.", "Dan huwa suq b'ostakli kbar g\u0127ad-d\u0127ul, ftit atturi integrati vertikalment u t\u0127assib dwar l-a\u010b\u010bess g\u0127ad-data, l-interoperabbilt\u00e0 jew il-prattiki ta' esklu\u017civit\u00e0 fost l-o\u0127rajn.", "Ninsabu fidu\u010bju\u017ci li s-sejbiet tal-inkjesta settorjali se jipprovdu gwida dwar l-attivit\u00e0 futura ta' infurzar u regolatorja tal-Kummissjoni.", "Nittamaw ukoll li dan se jistimula lill-kumpaniji biex jindirizzaw dan it-t\u0127assib b'mod proattiv.\u201d", "Id-dokumenti ppubblikati llum jippre\u017centaw is-sejbiet tal-Kummissjoni, filwaqt li jqisu l-kummenti li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapport preliminari ta' \u0120unju 2021 u jikkonfermaw fil-bi\u010b\u010ba l-kbira l-konklu\u017cjonijiet tar-rapport preliminari ppubblikati f'\u0120unju 2021.", "Il-kummenti jinkludu kontribut mill-partijiet ikkon\u010bernati b\u0127all-atturi ewlenin tal-IoT tal-konsumaturi, il-manifatturi tal-apparat intelli\u0121enti, il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut kreattiv, l-asso\u010bjazzjonijiet, jew l-operaturi tat-telekomunikazzjoni.", "Sejbiet Ewlenin tal-inkjesta settorjali", "Is-sejbiet ewlenin tal-inkjesta settorjali dwar l-IoT tal-Konsumatur ikopru l-istess oqsma b\u0127ar-rapport preliminari: (i) il-karatteristiki tal-prodotti u s-servizzi dwar l-IoT tal-konsumaturi, (ii) il-partikolaritajiet tal-kompetizzjoni f'dawn is-swieq, (iii) l-oqsma ewlenin ta' t\u0127assib potenzjali li qajmu l-partijiet interessati fir-rigward tal-funzjonament attwali tas-swieq tal-IoT tal-konsumaturi, kif ukoll il-prospetti futuri tag\u0127hom.", "Karatteristiki tal-prodotti u s-servizzi dwar l-IoT tal-konsumaturi", "Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jindikaw li l-IoT tal-konsumaturi qed jikber b'mod rapidu u qed isir dejjem iktar parti mill-\u0127ajja tag\u0127na ta' kuljum.", "Barra minn hekk, hemm xejra lejn \u017cieda fid-disponibbilt\u00e0 tal-assistenti bil-vu\u010bi b\u0127ala interfa\u010b\u010bi g\u0127all-utenti li jippermettu interazzjoni ma' apparat ie\u0127or intelli\u0121enti u servizzi dwar l-IoT tal-konsumaturi.", "Partikolaritajiet tal-kompetizzjoni fis-swieq g\u0127all-prodotti u s-servizzi dwar l-IoT tal-konsumaturi", "Il-bi\u010b\u010ba l-kbira tal-partijiet ikkon\u010bernati li pparte\u010bipaw fl-inkjesta settorjali jindikaw li wie\u0127ed mill-ostakli ewlenin g\u0127ad-d\u0127ul jew l-espansjoni fis-settur huwa l-kost tal-investiment fit-teknolo\u0121ija, b'dawk fis-suq g\u0127all-assistenti bil-vu\u010bi jkunu partikolarment g\u0127oljin.", "Ostaklu importanti ie\u0127or g\u0127ad-d\u0127ul hija s-sitwazzjoni kompetittiva, g\u0127add kbir mill-partijiet interessati rrappurtaw diffikultajiet biex jikkompetu ma' impri\u017ci integrati vertikalment li bnew l-ekosistemi tag\u0127hom stess fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi u lil hinn minnu (e\u017c. Google, Amazon jew Apple).", "Billi dawn l-atturi jipprovdu l-aktar sistemi operatorji komuni g\u0127all-apparat intelli\u0121enti u mobbli kif ukoll l-assistenti bil-vu\u010bi ewlenin, dawn jiddeterminaw il-pro\u010bessi g\u0127all-integrazzjoni tal-apparat intelli\u0121enti u s-servizzi f'sistema dwar l-IoT tal-konsumaturi.", "Oqsma ewlenin ta' t\u0127assib potenzjali", "Il-partijiet ikkon\u010bernati qajmu t\u0127assib dwar l-oqsma li \u0121ejjin:", "Segwitu tal-inkjesta settorjali", "L-informazzjoni li n\u0121abret fil-kuntest tal-inkjesta settorjali dwar l-IoT tal-konsumaturi se tag\u0127ti gwida lill-infurzar futur u l-attivit\u00e0 regolatorja tal-Kummissjoni.", "Kull mi\u017cura tal-infurzar tal-kompetizzjoni wara l-inkjesta settorjali jkollha tkun ibba\u017cata fuq valutazzjoni ka\u017c b'ka\u017c.", "Barra minn hekk, il-konklu\u017cjonijiet li jo\u0127or\u0121u mill-inkjesta settorjali se jinfurmaw ukoll il-\u0127idma lterjuri tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-istrate\u0121ija di\u0121itali tag\u0127ha.", "B'mod partikolari, is-sejbiet ta' din l-inkjesta settorjali jistg\u0127u jikkontribwixxu wkoll g\u0127ad-dibattitu le\u0121i\u017clattiv li g\u0127addej dwar il-proposta tal-Kummissjoni g\u0127all-Att dwar is-Swieq Di\u0121itali.", "Barra minn hekk, inkjesti settorjali b\u0127al dan jistg\u0127u jwasslu lill-kumpaniji biex jirrevedu l-prattiki kummer\u010bjali tag\u0127hom.", "F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota r-revi\u017cjoni re\u010benti ta' Amazon ta' w\u0127ud mill-kundizzjonijiet minn negozju g\u0127al negozju applikabbli g\u0127as-servizzi ta' riordnijiet awtomati\u010bi u intelli\u0121enti tal-prodotti tag\u0127ha.", "Kuntest", "L-inkjesta settorjali dwar l-IoT tal-konsumaturi tnediet fis-16 ta' Lulju 2020 b\u0127ala parti mill-istrate\u0121ija di\u0121itali tal-Kummissjoni u wara li t\u0127abbret fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Insawru l-futur di\u0121itali tal-Ewropa.", "F'\u0120unju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport preliminari li jippre\u017centa s-sejbiet inizjali tag\u0127ha.", "Matul l-inkjesta, il-Kummissjoni \u0121abret informazzjoni minn aktar minn 200 kumpanija ta' daqsijiet differenti, li joperaw fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi dwar l-IoT tal-konsumaturi u li huma bba\u017cati madwar l-Ewropa, l-Asja u l-Istati Uniti.", "Barra minn hekk, dawn il-kumpaniji qasmu aktar minn 1,000 ftehim mal-Kummissjoni.", "Il-Kummissjoni r\u010beviet ukoll 26 sottomissjoni mill-partijiet ikkon\u010bernati matul il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rapport Preliminari.", "Ir-rapport finali jinsab hawnhekk, flimkien mad-dokument ta' \u0127idma tal-persunal li jakkumpanjah.", "G\u0127al aktar tag\u0127rif, ara r-rapport dwar il-Mistoqsijiet u t-Twe\u0121ibiet u s-sit web dwar l-inkjesta settorjali."]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_393", "title": "Il-\u0120ejjieni tal-Ewropa: Il-Plenarja tal-Konferenza tiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet tal-Panels ta\u010b-\u010aittadini", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=COFE", "date": "Mon, 17 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["Il-Plenarja se tie\u0127u kont tad-90 rakkomandazzjoni mill-Panels dwar \u201cDemokrazija/Valuri u drittijiet Ewropej, stat tad-dritt, sigurt\u00e0\u201d u \u201cTibdil fil-klima, ambjent/Sa\u0127\u0127a\u201d, u ta' rakkomandazzjonijiet relatati mill-Panel ta\u010b-\u010aittadini Nazzjonali.", "Fi\u017c-\u017cew\u0121 Panels ta\u010b-\u010aittadini Ewropej li ffinalizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tag\u0127hom s'issa, li kollha g\u0127andhom 200 Ewropew ta' etajiet u sfondi differenti, mill-Istati Membri kollha, iltaqg\u0127u (personalment u remoti) biex jiddiskutu u jadottaw rakkomandazzjonijiet dwar l-isfidi li qed tiffa\u010b\u010bja l-Ewropa issa u fil-\u0121ejjieni.", "Il-Panel dwar \u201cDemokrazija/Valuri u d-drittijiet Ewropej, l-istat tad-dritt, is-sigurt\u00e0\u201d adotta 39 rakkomandazzjoni fis-sessjoni finali tieg\u0127u ospitata mill-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze (l-Italja) f'Di\u010bembru.", "Il-Panel dwar \u201cIt-tibdil fil-klima, l-ambjent/is-Sa\u0127\u0127a\u201d \u0121ie ospitat mill-Kulle\u0121\u0121 tal-Ewropa f'Natolin u fil-Belt ta' Varsavja (Polonja) f'Jannar, fejn iffinalizza 51 rakkomandazzjoni fi \u0127dan il-mandat tieg\u0127u.", "Dawn id-90 rakkomandazzjoni issa se ji\u0121u ppre\u017centati u diskussi fil-Plenarja tal-Konferenza li jmiss mil-21 sat-22 ta' Jannar fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu (Franza) flimkien ma' rakkomandazzjonijiet relatati mill-Panel ta\u010b-\u010aittadini Nazzjonali.", "Meta: Mill-21 ta' Jannar - sat-22 ta' Jannar 2022 (inklu\u017ci laqg\u0127at preparatorji, gruppi ta' \u0127idma u laqg\u0127at politi\u010bi tal-caucus)", "Fejn: il-Parlament Ewropew fi Strasburgu, b'parte\u010bipazzjoni fi\u017cika u remota;", "Waqt il-Ftu\u0127 tal-Plenarja tal-Konferenza se jing\u0127ata \u0121ie\u0127 lill-ex President tal-Parlament David Sassoli, li miet fil-11 ta' Jannar.", "L-a\u0121enda s\u0127i\u0127a hija disponibbli hawnhekk.", "Kuntest", "Il-Plenarja tal-Konferenza tiddibatti r-rakkomandazzjonijiet kemm mill-Panels ta\u010b-\u010aittadini nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, u l-kontribut mi\u0121bur mill-Pjattaforma Di\u0121itali Multilingwi, mi\u0121bura skont it-temi, ming\u0127ajr e\u017citu predeterminat.", "Il-Plenarja, abba\u017ci ta' kunsens, se tressaq il-proposti tag\u0127ha lill-Bord E\u017cekuttiv.", "Din tal-a\u0127\u0127ar se tfassal rapport b'kollaborazzjoni s\u0127i\u0127a u trasparenza s\u0127i\u0127a mal-Plenarja.", "Il-Panels g\u0127a\u017clu 80 \u010bittadin (20 g\u0127al kull Panel) biex jirrappre\u017centawhom fil-Plenarja tal-Konferenza.", "Dawn ir-rappre\u017centanti \u0127adu posthom matul it-tieni sessjoni tal-Plenarja fit-23 ta' Ottubru fi Strasburgu.", "Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-kompo\u017cizzjoni, l-g\u0127an u l-\u0127idma tal-Plenarja u tista' tni\u017c\u017cel id-dokumenti rilevanti kollha g\u0127al tmiem il-\u0121img\u0127a, fil-pa\u0121na web tal-Plenarja tal-Konferenza.", "L-erba' Panels ta\u010b-\u010aittadini Ewropej huma pro\u010bess immexxi mi\u010b-\u010bittadini u pedament tal-Konferenza dwar il-\u0120ejjieni tal-Ewropa.", "Id-deliberazzjonijiet tag\u0127hom iqisu l-kontributi ta\u010b-\u010bittadini mi\u0121bura minn madwar l-Ewropa permezz tal-Pjattaforma Di\u0121itali Multilingwi u l-avvenimenti li jsiru madwar l-Istati Membri, u appo\u0121\u0121ati minn pre\u017centazzjonijiet minn akkademi\u010bi prominenti u esperti o\u0127ra.", "L-Ewropej kollha jistg\u0127u jkomplu jikkontribwixxu g\u0127ad-dibattitu permezz tal-pjattaforma di\u0121itali multilingwi.", "LINKS", "Pro\u010bess tal-Konferenza dwar il-\u0120ejjieni tal-Ewropa", "Kronolo\u0121ija tal-Konferenza dwar il-\u0120ejjieni tal-Ewropa", "Ritratti, vidjow u materjal awdjo bla \u0127las mi\u010b-\u010aentru Multimedjali tal-Parlament"]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_347", "title": "Il-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida: l-applikazzjonijiet g\u0127all-premjijiet tal-2022 huma miftu\u0127a", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=REGIONAL,RESINSC,CULTMED,STRUREF,NEBAUHAUS", "date": "Mon, 17 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["Illum qed nift\u0127u l-applikazzjonijiet g\u0127all-Premjijiet tal-2022 tal-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida.", "Wara s-su\u010b\u010bess tal-ewwel Premjijiet li r\u010bevew aktar minn elfejn applikazzjoni s-sena l-o\u0127ra, l-edizzjoni tal-2022 se ti\u010b\u010belebra e\u017cempji ta' ispirazzjoni \u0121odda tat-trasformazzjonijiet li din l-inizjattiva hija fil-\u0127sieb li \u0121\u0121ib fil-\u0127ajjiet tag\u0127na ta' kuljum, fl-ispazji fejn ng\u0127ixu, u fl-esperjenzi tag\u0127na.", "B\u0127al fl-ewwel edizzjoni, il-Premjijiet tal-2022 tal-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida se jippremjaw l-ideat tal-talenti \u017cg\u0127a\u017cag\u0127 kif ukoll pro\u0121etti e\u017cistenti g\u0127as-sostenibbilt\u00e0, l-inklu\u017civit\u00e0, u l-estetika, biex b'hekk il-Patt Ekolo\u0121iku Ewropew jitqarreb lejn in-nies u lejn il-komunitajiet lokali.", "Il-Kummissarju g\u0127all-Innovazzjoni, ir-Ri\u010berka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u \u017c-\u017bg\u0127a\u017cag\u0127, Mariya Gabriel, qalet: \u201cIl-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida tissejjes fuq il-kultura, l-edukazzjoni, ix-xjenza, u l-innovazzjoni tal-Ewropa, biex il-weg\u0127da tal-Patt Ekolo\u0121iku Ewropew tissarraf f'titjib fil-\u0127ajja tag\u0127na ta' kuljum.", "Ninsab \u0127erqana li nara l-aqwa tal-kreattivit\u00e0 Ewropea tie\u0127u l-\u0127ajja fl-applikazzjonijiet ta' din is-sena\u201d.", "Il-Kummissarju g\u0127all-Koe\u017cjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: \u201cIssa aktar minn qatt qabel, ne\u0127tie\u0121u ideat sostenibbli u innovattivi biex nittrasformaw il-mod li bih ng\u0127ixu u na\u0127dmu, filwaqt li ma n\u0127allu lil \u0127add jaqta' lura.", "Il-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida tippremja lill-kun\u010betti li huma l-aqwa, l-aktar kura\u0121\u0121u\u017ci u l-aktar intelli\u0121enti fejn jid\u0127ol it-titjib tar-re\u0121juni u l-ibliet tag\u0127na, b'mod li jirrispetta kemm lin-nies kif ukoll lill-pjaneta.", "Il-politika ta' koe\u017cjoni se tkompli tg\u0127in biex dawn l-ideat \u0121odda jinbidlu f'realt\u00e0 fir-re\u0121juni Ewropej, g\u0127all-benefi\u010b\u010bju tal-komunitajiet tag\u0127na kollha\u201d.", "Il-Premjijiet se jing\u0127ataw lil pro\u0121etti u ideat li jikkontribwixxu g\u0127al postijiet sbie\u0127, sostenibbli, u inklu\u017civi, f'erba' kategoriji:", "Il-kategoriji huma riflessjoni tal-erba' assi temati\u010bi tat-trasformazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida.", "Dawn \u0121ew identifikati waqt il-fa\u017ci ta' kodisinn tal-inizjattiva, li fiha \u0127adu sehem eluf ta' nies u organizzazzjonijiet li kkontribwew il-perspettivi u l-esperjenzi tag\u0127hom.", "L-entrati se ji\u0121u vvalutati b'referenza g\u0127at-tliet valuri fundamentali tal-inizjattiva: is-sostenibbilt\u00e0, l-estetika, u l-inklu\u017cjoni.", "Applikanti kemm mill-Istati Membri kollha kif ukoll minn madwar id-dinja huma m\u0127e\u0121\u0121a japplikaw, sakemm il-pro\u0121etti jew l-ideat tag\u0127hom jinsabu fl-Unjoni Ewropea.", "F'kull wa\u0127da mill-kategoriji, hemm \u017cew\u0121 linji paralleli ta' kompetizzjoni:", "Flimkien mas-16-il Premju mog\u0127tija mill-\u0121urija (l-ewwel u t-tieni post g\u0127al kull kategorija u g\u0127al kull linja), \u017cew\u0121 Premjijiet o\u0127ra se jintg\u0127a\u017clu bil-vot pubbliku minn fost l-entrati li ji\u0121u minn ta' quddiem.", "B'kollox, 18-il rebbie\u0127 se jing\u0127ataw rigal fi flus li jla\u0127\u0127aq sa \u20ac30,000, kif ukoll pakkett ta' komunikazzjoni li g\u0127andu jg\u0127inhom ji\u017cviluppaw aktar u jippromwovu l-inizjattivi tag\u0127hom.", "L-applikazzjonijiet huma miftu\u0127a sat-28 ta' Frar 2022 fis-19:00 CET.", "Jintlaqg\u0127u applikazzjonijiet minn persuni ta' kull nazzjonalit\u00e0 u kull sfond, sakemm il-kun\u010betti, l-ideat, u l-pro\u0121etti tag\u0127hom huma \u017cviluppati inkella jinsabu fi\u017cikament fl-UE.", "Kuntest", "Il-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida hija pro\u0121ett ambjentali, ekonomiku u kulturali, li g\u0127andu l-g\u0127an li jg\u0127aqqad id-disinn, is-sostenibbilt\u00e0, l-a\u010b\u010bessibbilt\u00e0, l-affordabbilt\u00e0 u l-investiment, sabiex jg\u0127in biex jitwettaq il-Patt Ekolo\u0121iku Ewropew.", "Il-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida, li tnediet mill-President von der Leyen fid-diskors tag\u0127ha tal-Istat tal-Unjoni tal-2020, kienet kodisinjata flimkien ma' eluf ta' nies u organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.", "F'Settembru 2021, l-inizjattiva mxiet mill-kodisinn g\u0127at-twettiq permezz ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li stabbilit azzjonijiet ta' politika u finanzjament biex din l-inizjattiva ssir realt\u00e0.", "Aktar Informazzjoni", "Mistoqsijiet u Twe\u0121ibiet", "Sit web tal-Premjijiet", "Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida", "Il-Kummissjoni Ewropea t\u0127abbar ir-rebbie\u0127a tal-Premju tal-Bauhaus Ewropea l-\u0120dida (2021)", "Drittijiet tal-awtur g\u0127ar-ritratti - L-Unjoni Ewropea, 2021"]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_2", "title": "Tassonomija tal-UE: Il-Kummissjoni tibda konsultazzjonijiet mal-esperti dwar l-Att Delegat Komplementari li jkopri \u010berti attivitajiet nukleari u tal-gass", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=ENERGY,FINSTAB", "date": "Sat, 01 Jan 2022 13:03:05 GMT", "text": ["Il-Kummissjoni Ewropea bdiet konsultazzjonijiet ilbiera\u0127 mal-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli u l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli dwar abbozz ta' test ta' Att Delegat Komplementari g\u0127at-Tassonomija li jkopri \u010berti attivitajiet tal-gass u dawk nukleari.", "It-tassonomija tal-UE tiggwida u timmobilizza l-investiment privat f'attivitajiet li huma me\u0127tie\u0121a biex tinkiseb in-newtralit\u00e0 klimatika fl-30 sena li \u0121ejjin.", "It-ta\u0127lita tal-ener\u0121ija e\u017cistenti fl-Ewropa llum tvarja minn Stat Membru g\u0127al ie\u0127or.", "Xi partijiet tal-Ewropa g\u0127adhom ibba\u017cati \u0127afna fuq fa\u0127am b'emissjonijiet g\u0127oljin tal-karbonju.", "It-tassonomija tipprevedi attivitajiet tal-ener\u0121ija li jippermettu lill-Istati Membri jersqu lejn in-newtralit\u00e0 klimatika minn po\u017cizzjonijiet differenti b\u0127al dawn.", "Filwaqt li tqis il-parir xjentifiku u l-progress teknolo\u0121iku attwali, kif ukoll l-isfidi ta' tran\u017cizzjoni li jvarjaw minn Stati Membru g\u0127all-ie\u0127or, il-Kummissjoni tqis li hemm rwol g\u0127all-gass naturali u l-ener\u0121ija nukleari b\u0127ala mezz biex ti\u0121i ffa\u010bilitata t-tran\u017cizzjoni lejn futur ibba\u017cat b'mod predominanti fuq sorsi rinnovabbli.", "Fi \u0127dan il-qafas tat-Tassonomija, dan ikun ifisser li dawn is-sorsi tal-ener\u0121ija ji\u0121u kklassifikati f'kundizzjonijiet \u010bari u stretti (pere\u017cempju, il-gass irid ji\u0121i minn sorsi rinnovabbli jew ikollu emissjonijiet baxxi sal-2035), b'mod partikolari peress li dawn jikkontribwixxu g\u0127at-tran\u017cizzjoni lejn in-newtralit\u00e0 klimatika.", "Barra minn hekk, biex ti\u017cgura t-trasparenza, il-Kummissjoni se temenda l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjoni tat-Tassonomija sabiex l-investituri jkunu jistg\u0127u jidentifikaw jekk l-attivitajiet jinkludux attivitajiet tal-gass jew nukleari, u sa liema punt, sabiex ikunu jistg\u0127u jag\u0127mlu g\u0127a\u017cla infurmata.", "L-attivitajiet koperti f'dan l-Att Delegat komplementari ja\u010b\u010belleraw it-tne\u0127\u0127ija gradwali ta' sorsi aktar dannu\u017ci, b\u0127all-fa\u0127am, u biex nimxu lejn ta\u0127lita ta' ener\u0121ija aktar ekolo\u0121ika b'livell aktar baxx ta' karbonju.", "Fir-rigward tal-attivitajiet l-o\u0127ra skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji g\u0127all-attivitajiet tal-gass u nukleari se ji\u0121u a\u0121\u0121ornati hekk kif it-teknolo\u0121ija tevolvi.", "Il-passi li jmiss", "Il-pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli u l-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli jridu ji\u0121u kkonsultati dwar l-Atti Delegati kollha skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija, min\u0127abba r-rwol espert tag\u0127hom previst mir-Regolament dwar it-Tassonomija.", "Huma se jkollhom sat-12 ta' Jannar biex jipprovdu l-kontribuzzjonijiet tag\u0127hom.", "Il-Kummissjoni se tanalizza l-kontribuzzjonijiet tag\u0127hom u tadotta formalment l-Att Delegat kumplimentari f'Jannar 2022.", "Imbag\u0127ad din tintbag\u0127at lill-kole\u0121i\u017claturi g\u0127all-iskrutinju tag\u0127hom.", "B'mod simili g\u0127all-ewwel Att Delegat dwar il-Klima, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (li ddelegaw is-setg\u0127a lill-Kummissjoni biex tadotta dan l-Att Delegat) se jkollhom erba' xhur biex jiskrutinizzaw id-dokument, u, jekk jidhrilhom li jkun me\u0127tie\u0121, biex jo\u0121\u0121ezzjonaw g\u0127alih.", "F'konformit\u00e0 mar-Regolament dwar it-Tassonomija, i\u017c-\u017cew\u0121 istituzzjonijiet jistg\u0127u jitolbu g\u0127al xahrejn addizzjonali ta' \u017cmien ta' skrutinju.", "Il-Kunsill ser ikollu d-dritt jo\u0121\u0121ezzjona g\u0127alih permezz ta' ma\u0121\u0121oranza kwalifikata msa\u0127\u0127a inversa (li jfisser li mill-inqas 72 % tal-Istati Membri (ji\u0121ifieri mill-inqas 20 SM) li jirrappre\u017centaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE huma me\u0127tie\u0121a biex jo\u0121\u0121ezzjonaw g\u0127all-Att Delegat), u l-Parlament Ewropew b'ma\u0121\u0121oranza sempli\u010bi (ji\u0121ifieri mill-inqas 353 MPE) fil-Plenarja.", "Ladarba l-perjodu ta' skrutinju jintemm u jekk wie\u0127ed jassumi li l-ebda wie\u0127ed mill-kole\u0121i\u017claturi ma jo\u0121\u0121ezzjona, l-Att Delegat (komplementari) jid\u0127ol fis-se\u0127\u0127 u jibda japplika.", "Informazzjoni ta' sfond", "It-Tassonomija tal-UE hija g\u0127odda ta' trasparenza robusta u bba\u017cata fuq ix-xjenza g\u0127all-kumpaniji u l-investituri.", "Din to\u0127loq lingwa\u0121\u0121 komuni li l-investituri jistg\u0127u ju\u017caw meta jinvestu fi pro\u0121etti u attivitajiet ekonomi\u010bi li g\u0127andhom impatt po\u017cittiv sostanzjali fuq il-klima u l-ambjent.", "Se tintrodu\u010bi wkoll obbligi ta' divulgazzjoni fuq il-kumpaniji u l-parte\u010bipanti fis-swieq finanzjarji.", "G\u0127al aktar informazzjoni", "Skeda informattiva - It-Tassonomija tal-UE kif tid\u0127ol fil-qafas tal-finanzi sostenibbli?", "Is-sit web tad-D\u0120 FISMA dwar il-finanzi sostenibbli"]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_627", "title": "L-UE tirreferi li\u010b-\u010aina lid-WTO wara r-restrizzjonijiet kummer\u010bjali tag\u0127ha fuq il-Litwanja", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=TRADEPOL", "date": "Wed, 26 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["Illum l-UE nediet ka\u017c fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummer\u010b (World Trade Organisation, WTO) kontra r-Repubblika tal-Poplu ta\u010b-\u010aina dwar il-prattiki kummer\u010bjali diskriminatorji tag\u0127ha kontra l-Litwanja, li qed jolqtu wkoll esportazzjonijiet o\u0127ra mis-Suq Uniku tal-UE.", "Dawn l-azzjonijiet, li jidhru li huma diskriminatorji u illegali skont ir-regoli tad-WTO, qed jag\u0127mlu \u0127sara lill-esportaturi kemm fil-Litwanja kif ukoll f'postijiet o\u0127ra fl-UE, billi huma mmirati wkoll lejn prodotti b'kontenut Litwan esportat minn pajji\u017ci o\u0127ra tal-UE.", "Billi l-isforzi biex dan ji\u0121i solvut bilateralment fallew, l-UE rrikorriet biex tibda pro\u010bedimenti ta' soluzzjoni tat-tilwima kontra \u010b-\u010aina.", "Il-konsultazzjonijiet tad-WTO li nbdew illum huma l-ewwel pass f'dan il-pro\u010bess.", "Il-Vi\u010bi President E\u017cekuttiv u Kummissarju g\u0127all-Kummer\u010b, Valdis Dombrovskis, qal: \u201cIt-tnedija ta' ka\u017c tad-WTO mhijiex pass li nie\u0127du b'mod \u0127afif.", "Madankollu, wara sforzi ripetuti li ma rnexxewx biex tissolva l-kwistjoni bilateralment, ma naraw l-ebda mod ie\u0127or \u0127lief li nitolbu konsultazzjonijiet tad-WTO dwar is-soluzzjoni tat-tilwima ma\u010b-\u010aina.", "L-UE hija determinata li ta\u0121ixxi b\u0127ala entit\u00e0 wa\u0127da u ta\u0121ixxi malajr kontra mi\u017curi li jiksru r-regoli tad-WTO, li jheddu l-integrit\u00e0 tas-Suq Uniku tag\u0127na.", "B'mod parallel qeg\u0127din insegwu l-isforzi diplomati\u010bi tag\u0127na biex innaqqsu l-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni.\u201d", "Matul dawn l-a\u0127\u0127ar \u0121img\u0127at, il-Kummissjoni Ewropea bniet evidenza tad-diversi tipi ta' restrizzjonijiet \u010aini\u017ci.", "Dawn jinkludu rifjut li l-merkanzija Litwana ti\u0121i kklerjata mid-dwana, rifjut ta' applikazzjonijiet g\u0127all-importazzjoni mil-Litwanja, u pressjoni fuq kumpaniji tal-UE li joperaw minn Stati Membri o\u0127ra tal-UE biex ine\u0127\u0127u l-inputs Litwani mill-ktajjen tal-provvista tag\u0127hom meta jesportaw lejn i\u010b-\u010aina.", "Biex tittratta ka\u017cijiet b\u0127al dawn fil-futur, il-Kummissjoni qed issa\u0127\u0127a\u0127 is-sett ta' g\u0127odod tag\u0127ha ta' mi\u017curi awtonomi.", "Ix-xahar li g\u0127adda, il-Kummissjoni adottat proposta g\u0127al Strument Kontra l-Koer\u010bizzjoni, li jag\u0127ti lill-UE aktar possibbiltajiet biex tirrea\u0121ixxi f'ka\u017c ta' koer\u010bizzjoni ekonomika.", "B\u0127alissa din il-proposta qed ti\u0121i diskussa mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE", "Sfond", "Minn Di\u010bembru 2021, u ming\u0127ajr ma infurmat lill-awtoritajiet tal-UE jew tal-Litwanja, i\u010b-\u010aina bdiet tirrestrin\u0121i sew jew timblokka de facto l-importazzjonijiet mil-Litwanja u l-esportazzjonijiet lejha, jew dawk marbuta mal-Litwanja.", "Il-Kummissjoni ripetutament semmiet il-kwistjoni mal-awtoritajiet \u010aini\u017ci.", "Il-passi li jmiss", "L-ewwel stadju bil-pro\u010beduri g\u0127as-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO huwa t-\u201ctalba g\u0127al konsultazzjonijiet\u201d, li biha l-UE titlob formalment li\u010b-\u010aina g\u0127al aktar informazzjoni dwar il-mi\u017curi tag\u0127ha bil-\u0127sieb li tinstab soluzzjoni sodisfa\u010benti.", "Jekk dawn il-konsultazzjonijiet ma jwasslux g\u0127al ri\u017cultat po\u017cittiv fi \u017cmien 60 jum, l-UE tista' titlob li jitwaqqaf bord biex jidde\u010biedi dwar il-kwistjoni.", "G\u0127al Aktar Informazzjoni", "Talba g\u0127all-konsultazzjoni", "Spjega vi\u017civa", "Il-pa\u0121na web tal-ACI"]} {"url": "https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_22_578", "title": "L-UE to\u0121\u0121ezzjona fid-WTO kontra r-restrizzjonijiet tal-E\u0121ittu fuq l-importazzjonijiet", "category": "press_eu", "subcategory": "POLICY_AREA=TRADEPOL", "date": "Tue, 25 Jan 2022 23:00:00 GMT", "text": ["L-UE talbet g\u0127al konsultazzjonijiet g\u0127al soluzzjoni tat-tilwim mal-E\u0121ittu fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummer\u010b (id-WTO, World Trade Organization) b'rabta mar-rekwi\u017citi obbligatorji ta' re\u0121istrazzjoni tal-importazzjonijiet fis-se\u0127\u0127 f'dan il-pajji\u017c.", "L-UE tqis li dawn ir-rekwi\u017citi jiksru r-regoli tad-WTO g\u0127aliex ipo\u0121\u0121u restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta' firxa mdaqqsa ta' prodotti, minn prodotti agrikoli sa apparat domestiku.", "L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-E\u0121ittu fil-firxa wiesg\u0127a ta' prodotti kkon\u010bernati naqsu b'40 % wara l-impo\u017cizzjoni ta' rekwi\u017citi obbligatorji tar-re\u0121istrazzjoni tal-importazzjonijiet fl-2016.", "Il-Vi\u010bi President E\u017cekuttiv u l-Kummissarju g\u0127all-Kummer\u010b, Valdis Dombrovskis, qal: \u201cIllum l-UE qed tie\u0127u azzjoni biex tiddefendi lill-esportaturi tal-UE li qeg\u0127din i\u0127abbtu wi\u010b\u010bhom ma' restrizzjonijiet in\u0121usti meta jippruvaw ja\u010b\u010bessaw is-suq E\u0121izzjan.", "Dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet huma illegali skont ir-regoli tad-WTO u jiddispja\u010bina li l-E\u0121ittu ma \u0127ax azzjoni biex ine\u0127\u0127ihom minkejja t-talbiet u l-isforzi ripetuti tag\u0127na biex insolvu l-kwistjoni.", "Din hi r-ra\u0121uni g\u0127aliex qed nie\u0127du l-pass li jmiss u nitolbu konsultazzjonijiet fid-WTO.\u201d", "Mill-2016 il-fabbriki u l-kumpaniji barranin li jixtiequ jimportaw \u010berti prodotti lejn l-E\u0121ittu huma obbligati jirre\u0121istraw mal-awtoritajiet E\u0121izzjani.", "F'dal-mument ir-rekwi\u017citi tar-re\u0121istrazzjoni jkopru 29 kategorija ta' prodotti, fosthom prodotti agrikoli u tal-ikel, ko\u017cmeti\u010bi, \u0121ugarelli, tessuti, ilbies, apparat domestiku, g\u0127amara u madum ta\u010b-\u010beramika.", "Il-pro\u010bess tar-re\u0121istrazzjoni huwa arbitrarju u jista' jdum is-snin.", "L-awtoritajiet E\u0121izzjani naqsu milli jippro\u010bessaw l-applikazzjonijiet ta' \u0127afna kumpaniji tal-UE g\u0127al perjodi twal ta' \u017cmien minkejja bosta interventi mill-industrija milquta u mill-UE.", "Ir-re\u0121istrazzjoni obbligatorja u d-dewmien relatat fl-ippro\u010bessar tal-applikazzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u b\u0127ala tali mhumiex kompatibbli mal-Ftehimiet tad-WTO dwar it-Tariffi u l-Kummer\u010b (GATT 1994), fuq l-Agrikoltura u fuq il-Pro\u010beduri ta' Li\u010benzjar g\u0127all-Importazzjoni.", "Il-Passi li Jmiss", "Il-konsultazzjonijiet g\u0127as-soluzzjoni tat-tilwim li l-UE talbet huma l-ewwel pass fil-pro\u010bedimenti g\u0127as-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.", "Jekk dawn ma jwasslux g\u0127al soluzzjoni sodisfa\u010benti, l-UE tista' titlob lid-WTO tistabbilixxi bord biex jidde\u010biedi dwar il-kwistjoni.", "G\u0127al Aktar Informazzjoni", "Is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fil-Qosor"]} {"url": "https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/eu-affairs", "date": "2022-01-31 14:00:00", "category": "European Union, European Parliament, press release", "text": ["Aqsam din il-pa\u0121na ma' \u0127addie\u0127or: Facebook Twitter LinkedIn Whatsapp Irre\u0121istra biex tir\u010bievi l-a\u0121\u0121ornamenti b'mail"]} {"url": "https://www.europarl.europa.eu/news/mt/press-room/20220131IPR22206/ukraine-press-point-by-david-mcallister-and-nathalie-loiseau-in-mariupol", "date": "2022-01-31 08:47:00", "category": "European Union, European Parliament, press release", "text": ["Kuntatti:", "Informazzjoni ta' kuntatt:", "Numru tat-telefown: (+32) 2 28 32547 (BXL)", "Numru tat-telefown: (+33) 3 881 74007 (STR)", "Numru tal-mobile: (+32) 470 96 08 19", "Informazzjoni ta' kuntatt:", "Numru tat-telefown: (+32) 2 28 31834 (BXL)", "Numru tat-telefown: (+33) 3 881 72420 (STR)", "Numru tal-mobile: (+32) 470 88 29 42", "Aqsam din il-pa\u0121na ma' \u0127addie\u0127or:", "Irre\u0121istra biex tir\u010bievi l-a\u0121\u0121ornamenti b'mail", "Ver\u017cjoni PDF"]} {"url": "https://www.europarl.europa.eu/news/mt/press-room/20220119IPR21311/french-presidency-briefs-the-european-parliament-s-committees-on-its-priorities", "date": "2022-02-02 14:59:00", "category": "European Union, European Parliament, press release", "text": ["Kuntatti:", "Informazzjoni ta' kuntatt:", "Numru tat-telefown: (+32) 2 28 31389 (BXL)", "Numru tat-telefown: (+33) 3 881 72850 (STR)", "Numru tal-mobile: (+32) 498 98 35 91", "Aqsam din il-pa\u0121na ma' \u0127addie\u0127or:", "Irre\u0121istra biex tir\u010bievi l-a\u0121\u0121ornamenti b'mail", "Ver\u017cjoni PDF"]}